IKEL U LETTERATURA

Xtaqt, qabel xejn, ngħaddi kumment qasir dwar aħbar li qrajt b’sodisfazzjon kbir ħafna. Qrajt dwar il-ġest verament sabiħ tal-poplu tar-raħal tal-Imġarr (Malta) li fl-okkażjoni tal-festa tar-raħal organizza ikla lin-nies waħidhom u lil numru ta’ refuġjati li hawn f’Malta. Huwa ġest żgħir imma fl-istess waqt straordinarju, mhux għax se jsolvi l-problemi ta’ numru ta’ nies sfortunati, indubjament bi storja kkummplikata, imma għax huwa ġest barra mill-ordinarju. Il-festi tal-irħula mhumiex festi ta’ karità, wisq inqas ta’ mħabba, tneħħi lejn każin u mhux l-ieħor. L-ikla tal-Imġarr kienet eżempju ta’ x’għandha tkun festa, aktar u aktar meta dawn il-festi suppost (u suppost kbira) huma ċelebrazzjonijiet reliġjużi. Ma kinitx ikla perżut maġenb il-knisja b’inkejja lejn l-oħrajn, jew l-infilsar tal-laħam tal-ħanżir bejn il-paġni ta’ ktieb sagru. Kienet ikla ta’ rispett u fraternità. Kienet ikla sabiħa.

 

Matul dan ix-xahar kont qiegħed ngħix u naħdem f’appartament żgħir li fih kien jgħix Dane Zajc, dak li ħafna jqisuh l-akbar poeta Sloven tas-seklu għoxrin.

 

L-istorja ta’ Zajc hija waħda tassew imqallba. Waqt it-tieni gwerra dinjija, meta kien għadu tifel, tilef lil ħutu (li kienu partiġġjani) u lil missieru u ra truppa Nazisti jaħarqu d-dar fejn kienu joqogħdu sa ġabuha rmied. Aktar tard, tkeċċa mill-iskola u spiċċa anki l-ħabs għax esprima sentimenti antikomunisti, sentimenti li eventwalment inbidlu fi kredu li baqa’ jżomm sakemm it-tmexxija komunista f’dik li kienet il-Jugoslavja ntemmet u bdiet id-diżintegrazzjoni ta’ dan in-nazzjon multikulturali li ħafna, anki wħud mill-ġenerazzjoni żagħżugħa li qatt m’għexu fih, għandhom tant nostalġija għalih.

 

Zajc kien editur ta’ żewġ ġurnali li t-tnejn esperjenzaw u anki sofrew iċ-ċensura u eventwalment miżmuma mir-reġim ta’ Tito. L-impenn politiku tiegħu wasslu biex lejn is-snin tmenin kien intellettwali impenjat favur l-oppożizzjoni demokratika fis-Slovenja. U aktarx kienet din il-klassi li immobilizzat il-poplu Sloven biex jiddikjara lilu nnifsu indipendenti u nħall mill-Jugoslavja.

 

Meta tqis li tkun qiegħed taħdem fl-istess kamra fejn kien jaħdem Zajc, f’dan l-appartament ċkejken ftit ’il barra miċ-ċentru turistiku ta’ Ljubljana, bilfors li tħoss ċerta awra u tħossok trid tirrispetta mqar l-art tal-injam iżżaqżaq ma’ kull passi li tagħti. Fuq l-iskrivanija fejn naħdem hawn librerija ċkejkna bil-kotba ta’ Zajc, imdawrin b’ħafna kotba tal-aqwa kittieba Sloveni, statwetti u inkwatri u biċċiet taċ-ċeramika b’messaġġi personali lil Zajc miżbugħin fuqhom.

 

Ma tistax ma taħsibx ftit, ma tirriflettix, u huwa wkoll diffiċli ma temozzjonax ftit ruħek meta tikkonsidra li għal erba’ ġimgħat id-dar tiegħek hija dik fejn għex ikona tal-letteratura Slovena. Il-memorja ġġib rispett lejn dik il-ħaġa—f’dan il-każ bniedem—li tkun qed tfakkar. F’waħda mill-ġabriet ta’ xogħlijiet ta’ Zajc tradotti għall-Ingliż, editjata minn isem importanti ieħor Sloven, Ales Debeljak li sfortunatament tilef ħajtu traġikament kmieni din is-sena, hemm dawn il-versi “Imbagħad ma nibqax neżisti / Ikun hemm int / Għax int l-ilsien li għandi f’ħalqi.”

 

Iżda aktar milli dwar poeti mejtin—anki jekk il-poeżija tagħhom għadha ħajja—xtaqt nagħmel kumment dwar avveniment importanti ħafna matul il-ġimgħa li ġejja: il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, organizzat minn Inizjamed bl-għajnuna ta’ diversi entitajiet oħrajn. Din taħbat il-ħdax-il edizzjoni ta’ dan il-festival. Ħdax-il sena ilu kien attività ta’ ftit nies, illum sar avveniment uniku fil-kalendarju kultural Malti. Dan għaliex tul tliet lejliet kulħadd jista’ jersaq lejn il-letteratura, mingħajr ma jonfoq ċenteżmu, u jesperjenza l-faxxinu tal-kitba fil-preżenza tal-kittieba nfushom. Imma l-festival huwa aktar minn hekk, grazzi għall-għażla bil-galbu ħafna tal-parteċipanti. Ma tistax ma tikkummentax dwar il-preżenza ta’ Elias Khoury, kittieb u intellettwali Lebaniż li twieled f’Bejrut fl-1948. Khoury, forsi magħruf l-aktar għar-rumanz Bieb ix-Xemx (2000), huwa wieħed minn dawk il-kittieba li jżommu mal-prinċipju li l-kittieb huwa wkoll, jew għandu jkun ukoll, attivista u b’hekk għandu jaqdi impenn politiku. Fil-każ ta’ Khoury dan huwa impenn lejn il-kawża Palestinjana.

 

Khoury huwa biss wieħed fil-lista impressjonanti ta’ kittieba mistiedna għal dan il-festival u tkun tassew ħasra jekk dak li jkun jitlef din l-opportunità.

 

Dan l-artiklu qed jidher fl-Illum tal-21 ta’ Awwissu 2016

FTIT AKTAR NOTI WAQT VJAĠĠ

Jgħidu li tal-ġara itjeb. Ġieli smajthom iżidu l-kelma ‘jidher’ jew ‘jintiegħem’ biex jiċċaraw il-punt li din taf tkun biss perċezzjoni. Dak li naraw mhuwiex dejjem dak li hemm. Anzi, dak li naraw huwa dak li nsawru aħna stess bix-xbihat li jkollna quddiemna. Dak li naraw huwa dak li aħna aħna: l-istorja u l-esperjenza tagħna li nixħtuha (dejjem mingħajr ma nafu) fuq dak li hemm madwarna.

 

Pereżempju xi ħadd qalli, ftit tal-jiem ilu aħna u nistennew l-ajruplan għad-daqq stunat fuq il-pjanu li hemm fis-sala tat-tluq fl-ajurport tal-Gudja, li bilqiegħda ħdejna, magħna, seta’ jkun hemm terrorist, jikkalkula l-mument meta għandu jiftaħ l-attakk. Jew aktar minn wieħed. U jien tlabt lil dax-xi ħadd jimmarka min minn dawk li hemm madwarna seta’ kien it-terrorist. Mat-tielet għażla kienet ovvja, għat-tnejn li aħna, li ċerti nies kienu fil-lista tas-suspetti, oħrajn le: ċerti forom ta’ nies, b’ċertu karnaġġjon, b’ċerti fattizzi.

 

Hemm ħafna stramberiji fil-modi kif nies iqattgħu l-ħin jistennew. F’dan il-każ il-logħba ċinika ta’ min-jista’-jkun-it-terrorista, tixhed affarijiet oħrajn: il-biżgħat li għandna, pereżempju, il-preokkupazzjonijiet, il-preġudizzji, it-tendenza li nirrakkontaw stejjer sħaħ imqar minn daqsxejn ta’ xbieha. Id-dehra ta’ raġel bilqiegħda waħdu bil-basket maġenbu jħares lejn il-monitor bil-ħinijiet tat-titjiriet tista’ tiżviluppa f’rumanz sħiħ, ispirat mill-kronaka kerha li qegħdin ngħixu. Attwalment aktar milli tiżviluppa, tinbena mill-ġdid skont min ikun qiegħed iħares lejha.

 

Imma lura għall-ġara …

 

Malli tinżel f’post ġdid, bla ma trid, tibda tagħmel il-paraguni. Int u tittawwal mit-tieqa u tara li l-weraq tas-siġra fuq il-bankina ta’ faċċata kważi jmissu mal-gallarija tiegħek tiftakar, mingħajr ma trid, fl-għelieqi kollha maħruqin jekk mhux ukoll kollha radam li ħallejt warajk. Meta tmur tagħlaq it-tieqa filgħaxija tinduna li mkien m’hemm għabra aħseb u ara t-trab tqil li jkollok tfarfar kuljum minn fuq l-għamara tiegħek. Meta tisma’ xi tfal ikantaw u forsi forsi l-qniepen ta’ katidral, mhux biss tistagħġeb meta tqis li tisma’ dan biss u qiegħed fil-qalba ta’ belt, imma li f’pajjiżek mas-sebgħa, l-aktar is-sebgħa u nofs ta’ filgħodu, jibda t-tismir u t-tħaffir; mas-sitta u kwart jibda t-tpaqpiq u sa ftit wara jibda s-sewqan nervuż u salvaġġ.

 

Meta tagħmel hekk tkun qiegħed tara lill-ġara sabiħa. U fl-istess waqt, tkun qiegħed iġġorr miegħek dak li ħallejt warajk.

 

Minn dejjem kont naffaxxina ruħi bl-abbundanza ta’ Malta. Kważi kollox abbundanti. Knisja kull nofs kilometru; stage tal-linja kull żewġ kantunieri; żewġ każini tal-banda (jekk mhux tlieta) flimkien mal-każin tal-Labour u tan-Nazzjonalisti u tal-klabb tal-futbol fl-istess pjazza; pompi tal-petrol saħansitra jmissu ma’ xulxin; ħwienet u x’naf jien. Qabel ma tfaċċaw dak li hawnhekk jissejħu supermarkets – u ejja ninnutaw li llum issib supermarket kull erba’ metri u hawn minnhom saħansitra mibnija dahar ma’ dahar – kien hemm ħanut tal-merċa f’kull kantuniera. Fit-triq fejn trabbejt kien hemm ħamsa matul erba’ kantunieri ta’ daqs normali, minbarra li kien hemm żewġ ħwienet tal-ħaxix u mit-Tnejn sas-Sibt kienu jieqfu bil-vannijiet xi ħames bejjiegħa differenti. Ma’ dawn trid iżżid is-swieq li jarmaw fit-toroq, imqar Ta’ Qali li xi darba kien post fejn il-Ħadd wara nofsinhar il-familji kienu jmorru għall-ħarġa xitwija: bilqiegħda fil-karozza, bir-radju għaddej, bit-termos mimli kafè u basket kollu galettini u qagħaq xi siegħa wara l-ikla iklun tal-Ħadd nofsinhar.

 

Fit-tieni jum ’il bogħod minn dan kollu, minbarra li John Bundy tlaħħaq il-kap tax-xandir statali, qrajt b’dispjaċir kbir iżda mhux b’sorpriża li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-bini ta’ erba’ torrijiet massivi fl-Imrieħel. Ma rridux ninsew li dawn mhumiex l-ewwel torrijiet li nbnew. Hemm dak ta’ Portomaso, hemm sett ieħor ir-Raħal Ġdid, miżbugħ b’kulur ikrah u jidher minn kullimkien. Barra dawn tal-Imrieħel hemm torrijiet oħrajn li qegħdin jiġu proposti.

L-abbundanza, għal darba oħra: l-abbundanza fid-daqs u fin-numru wkoll. Jekk it-tendenza Maltija – jiġifieri dik li kollox irid ikun esaġerat – tintiret mit-torrijiet, allura ma jdumx ma jgħaddi wisq żmien li nimtlew bihom, bħalma konna mimlijin bil-knejjes u l-ħwienet tal-merċa.

 

Dawn it-tendenzi jixhdu aktar minn fenomenu wieħed. Jixhdu, pereżempju, li n-nies li jgħixu f’Malta jaqgħu u jqumu minn Malta. Ma nistax nifhem, onestament, kif wieħed jista’ jgħid li jieħu gost f’pajjiżu u li anki jħobbu u mbagħad jagħti l-barka għal dawn it-torrijiet massivi li se jwerrċu lil kulmin se jħares lejhom (jiġifieri kulħadd); li se jibdlu għal kollox id-dehra tal-pajjiż; li se jħassru s-sabiħ li hemm. L-istess bħalma ma nistax nifhem kif wieħed jgħid kemm hu sabiħ pajjiżu u kemm irid jagħmlu anki isbaħ imma mbagħad iħalli lil min jużurpa l-art, jibni kamra ta’ kafkaf u jirvina bajja jekk mhux xatt sħiħ.

 

U allura, jiġu dawk il-mumenti meta tal-ġara mhux bilfors jintiegħem itjeb imma talli huwa verament itjeb minn tad-dar.

 

Dan l-artiklu qed jidher f’Illum, 7 ta’ Awwissu 2016

 

DWAR DAK LI TISTA’ TGĦID U L-POKEMON

Fl-artiklu ta’ ħmistax ilu għamilt kumment dwar il-liġi l-ġdida taċ-ċensura u wieħed mill-punti li ressaqt kien appuntu li din il-liġi se ġġib magħha mistoqsijiet ħirġin mill-fatt li issa l-libertà tal-espressjoni suppost li hija ggarantita lil kulħadd. Terġa’, hija liġi li trid tipproteġi l-libertà tal-espressjoni tant li m’għadx hemm il-periklu li xi ħadd jiġi akkużat bil-vilifikazzjoni ta’ reliġjon.

 

Xi ġranet ilu, qorti Olandiża, ikkundannat raġel għal xahar ħabs talli tella’ kummenti fuq il-paġna tal-Facebook tiegħu li bihom offenda lir-re ta’ pajjiżu. Hija u tgħaddi l-ġudizzju tagħha, l-imħallef Sylvia Taalman, ġiet ikkowtata tgħid li b’dak li għamel, dan ir-raġel weġġa’ d-dinjità tar-Re u din l-imġiba mhijiex aċċettata fis-soċjetà Olandiża. Meta wieħed iqis li fl-Olanda, bħal Malta, hemm liġi li tagħti l-libertà tal-espressjoni inkluż f’dik versu r-reliġjonijiet, allura jkollok tikkonkludi li r-Re huwa importanti aktar mir-reliġjon, jew, li r-Re huwa ’l fuq minn kollox, saħansitra ogħla mil-libertà tal-espressjoni tal-individwu. Ir-Re huwa assolut.

 

Kien hemm każ ieħor interessanti, relatat ma’ dan kollu, din id-darba seħħ fl-Iżrael. Yam Amrani huwa student tal-arti fil-Kulleġġ tal-Inġinerija, id-Disinn u l-Arti ta’ Shenkar, f’Ramat Gan. Għall-wirja tal-istudenti Amrani esebixxa pittura ta’ nudo femminili fuq sfond ikkulurit ħafna b’Bugs Bunny fil-ġenb jidħaq. Il-problema, għall-bidu, ma kinitx il-figura femminili mneżżgħa imma l-fatt li din il-figura għarwiena kienet tal-Ministru tal-Ġustizzja Iżraeljana, Ayelet Shaked, membru prominenti ta’ partit lemini li tqis bħala missjoni tagħha li xxejjen dawk li hija ssejħilhom it-tradituri tal-Iżrael. Ġurnata wara li fetħet il-wirja, il-Kap tal-Kulleġġ, is-sinjura Yuli Tamir, għattiet wiċċ in-nudo b’għata sewda forma ta’ X ħoxna biex b’hekk l-onorevoli Shaked ma tibqax tingħaraf.

 

L-istess bħar-Re tan-Netherlands, Shaked tirrappreżenta l-poter politiku ta’ pajjiżha. U bħala politiku, mid-dehra, għandha dritt togħla ’l fuq mil-libertà tal-espressjoni.

 

Iżda l-każ ta’ Shaked, jew aħjar tal-pittur żagħżugħ Amrani, ħa żvolta aktar interessanti għax, kuntrarju għar-Re Willem Alexander, il-ministru tal-Ġustizzja tal-Iżrael hija mara. U hawn iqum punt interessanti ieħor. Il-Ħamis li għadda, l-editorjal tal-ġurnal influwenti xellugi Haaretz ikkundanna l-aġir tal-kap tal-Kulleġġ u akkużaha b’att ta’ ċensura fil-każ tal-pittura ta’ Amrani. L-editorjal tal-Haaretz, “Israeli Art Schools Should Teach Freedom of Expression, Not Censor Nude Cabinet Ministers” (20 ta’ Lulju) saħansitra talab għar-riżenja tal-kap tal-Kulleġġ. Iżda min-naħa tagħha, Yuli Tamir, il-kap, saħqet li hija ħasset li l-pittura li qajmet din il-kwistjoni kienet deplorevoli għall-mod kif waqqgħet ġieħ il-ġisem femminili b’aġir sessista u xovinista. L-argument ta’ Tamir, imbagħad, reġa’ tressaq il-Ħamis li għadda, dejjem fuq il-Haaretz, mill-ġurnalista femminista Orit Kamir, li fl-artiklu tagħha “No, Haaretz. Permitting a Nude Painting of Shaked is not a Legitimate Form of Opposition” irribattiet l-appell tal-editorjal tal-jum ta’ qabel u argumentat li l-pittura ma kinitx xempju ta’ libertà tal-espressjoni daqskemm ta’ attitudni sessista lejn il-ġisem femminili.

 

L-argument ta’ Tamir u Kamir ifakkarna fl-osservazzjonijiet li bdew jiġu introdotti fis-snin sebgħin minn kritiċi u studjużi tal-arti viżiva. Bażikament l-argument varat minn Peter Berger (pittura) u Laura Mulvey (ċinematografija) fil-bidu tas-snin sebgħin kien li ħafna ġeneri tal-arti jikxfu l-korp femminili għall-gost tal-ħarsa maskili, u allura mqar in-nudo klassiku kien xempju ta’ kultura maskilista li tirrendi l-ġisem femminili f’oġġett.

 

F’dan is-sens, il-każ tal-pittur Amrani, joħloq id-dilemma bejn il-libertà tal-espressjoni li jpitter lill-Ministru tal-Ġustizzja u jpittirha bla ħwejjeġ (u b’hekk jista’ joffendi lill-ministru nfisha, lil dawk li jħobbuha u lill-femministi li jargumentaw li x-xbihat ta’ nisa għarwenin huma kollha eżempju ta’ sessiżmu) u l-akkuża li llum titqies serja ħafna ta’ xoviniżmu.

 

Il-possibilità li dilemmi bħal din (u dan jista’ jiġri wkoll f’każi ta’ razza, nazzjon, sesswalità u mhux biss ġens) hija kbira u jkun interessanti li naraw kif se nirreaġixxu, partikolarment meta l-libertà tal-espressjoni se ssib ruħha f’kunflitt tal-korrettezza politika, li ħafna bdew iħossu li qiegħda tfixkel l-espressjoni aktar milli tgħinha.

 

Mill-aħħar artiklu li ktibt ’l hawn minbarra l-kolp ta’ stat fit-Turkija (jekk tassew kien kolp ta’ stat) u r-ripressjoni fis-soċjetà Torka inġenerali u l-intelligentia inpartikolari, seħħ fenomenu ieħor: il-ferneżija globali bil-kaċċa għall-Pokemon. Jekk xejn dan il-fenomenu jfakkarna bil-faxxinu li l-bniedem għandu bl-alterazzjoni tar-realtà. Pokemon huwa l-aħħar eżempju, wara ħafna oħrajn, tal-fissazzjoni li l-bniedem għandu biex jimmodifika d-dinja tiegħu u ta’ madwaru u, aktar minn hekk, biex jisfoka l-fruntiera bejn il-veru u l-mhux. Huwa l-aktar eżempju riċenti għaliex qablu kien hemm esperimenti u mezzi oħrajn f’dan il-logħob bejn il-veru u l-mhux, bejn il-veru u l-mhux veru li jsir veru jew kważi. Kien hemm 2nd Life, id-dinja virtwali li għadha teżisti xi mkien li fiha l-bnedmin ta’ din id-dinja joħolqu realtà, joħolqu t-tieni ħajja tagħhom. Iċ-chatting fuq chatlines u chatrooms taw il-possibilità lil dak li jkun li jaddotta, anzi joħloq persunaġġ biex jiltaqa’ ma’ persunaġġi oħrajn li bħal tiegħu huma, wisq probabbli, ivvintati. Anki l-esperimentazzjoni b’sustanzi bħal-LSD – is-sustanza li taltera r-realtà u toħloq perċezzjonijiet li jitilqu mir-realtà; u l-użu tal-loppju fis-sekli li għaddew, kienu l-prekursuri tal-Pokemon u x’naf jien.

 

Forsi wieħed jista’ jargumenta, bħalma fil-fatt għamel Platun aktar minn elfejn sena ilu, li anki l-arti nfisha hija logħba (aktarx qarrieqa) bejn il-veru u l-mhux. Pokemon, fin-novità kollha tagħha, hija biss tkomplija ta’ tradizzjoni li l-bniedem ilu ħafna jiddiletta biha.

 

Dan l-artiklu jidher fl-Illum tal-24 ta’ Lulju 2016

PISS CHRIST

 

Fl-1987 l-artist Andres Serrano esebixxa ritratt ta’ kurċifiss żgħir tal-plastik jgħum f’reċipjent trasparenti mimli bl-awrina ta’ Serrano nnifsu. Kull darba li dan ir-ritratt, kbir metru b’metru u nofs u bit-titlu “Piss Christ”, ġie esibit qala’ kontroversji kbar, b’każi li fihom tneħħa mill-wirja u f’oħrajn, bħalma ġara fi Franza fl-2011, jispiċċa attakkat.

 

Wieħed faċilment jista’ jqis lil Serrano bħala artist stramb u forsi dak li jkun jista’ anki jakkużah li jfittex il-fama – u l-flejjes – permezz ta’ kontroversja faċli kif dejjem jiġri meta jkunu involuti figuri reliġjużi. “Piss Christ” m’huwiex l-uniku xogħol ta’ Serrano li jista’ jitqies bħala stramb għax għandu xogħlijiet oħrajn li fihom juża fluwidi oħrajn tal-ġisem bħala medium: demm, demm menstruwali, ħalib uman u saħansitra sperma. Aktar milli għall-użu ta’ dawn il-fluwidi, Serrano jdejjaq lil ħafna nies għax b’ċerti esebiti tiegħu joffendi r-reliġjon, dik Kattolika: joffendiha u jivvilifikaha.

 

Il-każ ta’ “Piss Christ” huwa magħruf ħafna, bħalma huma magħrufin ħemel ta’ każi oħrajn, pereżempju l-isfilata ta’ moda ta’ ħwejjeġ sagri fil-film “Roma” ta’ Fellini, film li, kif wieħed jista’ jistħajjel, ġie ċċensurat mill-Knisja. Ma’ dawn wieħed ikollu jinkludi wkoll ħafna karikaturi ta’ Charlie Hebdo u l-famużi karikaturi tal-Profeta Muħammad ippubblikati fl-2005 fil-gazzetta Daniża Jyllands-Posten. Sa anki fir-raħal tan-Nadur kienet qamet il-kontroversja meta disgħa min-nies spiċċaw il-Qorti fl-2009 għax fil-karnival libsu ta’ Kristu u l-appostli, u l-Isqfijiet, dakinhar, ħarġu kundanna u l-pulizija għamlet xogħolha.

 

Issa din il-ġimgħa l-Abbozz propost biex titneħħa l-liġi li tipprojbixxi l-vilifikazzjoni tar-reliġjon għadda mit-tieni qari tiegħu u, kif kien mistenni, il-membri tal-Oppożizzjoni fuq il-kumitat ivvutaw kontra dan l-abbozz. L-argument bażiku min-naħa tal-gvern, proprjament mill-ministru Owen Bonnici, hu, fi ftit kliem, li wasal iż-żmien li soċjetà li tagħraf lilha nfisha bħala moderna u demokratika, m’għandux ikollha mezzi anki legali biex issikket l-espressjoni libera, inkluż il-vilifikazzjoni ta’ reliġjon. Dan ifisser li, fl-aħħar, anki, ngħidu aħna, l-kittieba Maltin jistgħu jiktbu dak jħossu li għandhom jiktbu mingħajr il-periklu li jispiċċaw il-qorti kif kien hemm min spiċċa xi snin ilu.

 

F’dan is-sens, mela, dan l-abbozz huwa pass kbir ħafna ’l quddiem li jġib lil Malta viċin il-pajjiżi ħutha Ewropej, jew aħjar uħud minnhom. Bħala kittieb ma nistax ma napprezzax u ma nfaħħarx dan l-abbozz u d-deċiżjoni tal-gvern li jagħraf l-importanza li ċ-ċittadini jitħallew ikunu kritiċi u b’moħħhom miftuħ. Fl-istess waqt, jekk irrid inkun onest, nasal nifhem l-inkwiet ta’ dawk li qegħdin jopponu l-abbozz u jesprimu preokkupazzjoni, anki jekk ma nistax naċċetta l-argumenti tagħhom. Wieħed irid japprezza li l-libertà tbeżża’ lil ħafna nies, li hija perikoluża għax għandha s-setgħa li tiżloga dak li għal snin twal kien jinħass sod u tixħet dubji serji fuq dak li kien jitqies benfatt. Filwaqt li hemm dawk li lesti jaffaċċjaw id-diffikultajiet li l-libertà tal-espressjoni tippreżenta, oħrajn jibżgħu minnha u lil dawn it-talin irridu nirrispettawhom ukoll mingħajr ma nċedu l-istess libertà. Il-biża’ mill-ġdid huwa xi ħaġa naturali, speċjalment fl-imħuħ b’tendenzi konservattivi.

 

Meta seħħet it-traġedja tal-karikaturisti ta’ Charlie Hebdo, ħafna bdew itellgħu messaġġi favur il-libertà tal-espressjoni fuq il-paġni tagħhom, jixegħlu x-xemgħat u jilbsu l-flokkijiet suwed b’”Je Suis Charlie” fuq sidirhom. Imma jista’ jkun li ħafna minn dawn stess jibdew iħossu l-iskumdità jekk Charlie ‘tagħhom’ jidħlilhom f’kamrithom u minflok bil-Profeta jew bin-Nazzarenu jibda jiddieħaq bihom. Huwa faċli li nħażżu “Jiena Charlie” sakemm dan Charlie qed jitmejjel b’ħaddieħor u faċli aktar li nidentifikaw ruħna ma’ Charlie meta lanqas biss nafu min hu imma nħallu l-media titkellem għalina. Jiġu dawk id-drabi meta l-id il-leminija tħażżeż “Jiena Charlie” u x-xellugija tkun tixtieq tgħallaq jew taqta’ lsien xi disklu li jfettillu jeżerċita d-dritt li issa se jkun issalvagwardjat bil-liġi u joffendi ’l xi ħadd jew lil xi ħaġa għażiża. U dan huwa fejn nibdew naraw il-kobor tar-responsabbiltà li l-libertà tagħtina.

 

Però l-abbozz li għadda mit-tieni qari għandu iżda, għaliex il-libertà tal-espressjoni li qiegħed jippropaga mhijiex kompleta. Anki jekk Kristu u Muħammad u l-Budda u x’naf jien m’għadhomx l-allat li ħadd ma jista’ għalihom, ir-rapporti li dehru fil-gazzetti dwar dan l-abbozz jindikaw li r-Repubblika għadha l-verġni u l-pura li ħadd ma jista’ jmiss. Jiena nippretendi li jekk ir-Repubblika, fl-aħħar, qiegħda tagħtini s-salvagwardja biex inkun nista’ ngħid dak li naħseb anki fuq il-figuri reliġjużi, għandha wkoll tieħu ħsieb li tħallini ngħid li dak naħseb fuqha stess. Jiġifieri, issa li niżżilna l-figuri reliġjużi mill-pedestall ta’ dawk li ħadd ma jista’ għalihom, huwa ironiku li fuq dan il-pedestall ħallejna figura waħda: ir-Repubblika, inkorporata fil-figura tal-president u f’simboli oħrajn.

 

Fil-bidu tal-1989, fl-Istitut tal-Arti ta’ Chicago, Scott Tyler kien esebixxa l-istallazzjoni “What is the Proper Way to Display the American Flag?” li fiha wera ritratti ta’ nies jaħarqu l-bandiera Amerikana u oħrajn ta’ twiebet mgħottijin biha u mal-art firex l-istess bandiera minflok tapit. L-istallazzjoni kienet qajmet ferment sħiħ, speċjalment minn veterani tal-gwerer Amerikani, li ħassewhom urtati għall-mod kif Tyler offenda lill-patrija. U l-każ baqa’ tiela’ u tiela’ sa wasal fis-senat Amerikan.

 

Il-punt hu wieħed sempliċi: l-artist irid ikun f’pożizzjoni li jħossu liberu anki meta jiġi biex jittratta lir-Repubblika, fil-forom u r-rappreżentazzjonijiet kollha tagħha.

 

Dan l-artiklu deher fl-Illum tal-10 ta’ Lulju, 2016

“IL-ĠNIEN TIEGĦI”

Ħafna huma tal-fehma li x-xjenza mhux biss toffri tweġibiet għal ħafna mistoqsijiet li jqumulna ta’ kuljum iżda li dak li tgħid ix-xjenza huwa fatt sagrosant li ma jistax jiġi kkontestat sakemm mhux (forsi) permezz ta’ żvilupp xjentifiku aktar avvanzat minn dak li kien hemm s’issa. F’dan is-sens, ħafna jifhmuha li x-xjenza toffri l-għarfien dwar il-ħwejjeġ tad-dinja u mhux sempliċiment impressjoni jew opinjoni dwarhom.

 

Għaldaqstant issib min biex iressaq il-punt u jipprova jikkonvinċi bl-argument tiegħu jikkwota sorsi xjentifiċi bil-premessa li se jkun diffiċli, anzi impossibbli, li dak l-argument jiġi sfidat. Ix-xjenza hija awtomatikament il-quod erat demonstrandum tal-ħsieb li dak li jkun ikun qiegħed iressaq. F’dan ir-rigward jibdew jissemmew studji u sondaġġi, perċentwali u eseperimenti, tabelli u numri – fuq kollox numri għax, nemmnu, li hija xi ħaġa minn ewl id-dinja li sitta u sitta jagħmlu tnax.

 

Din hija waħda mill-attitudnijiet li jidher li qegħdin jittieħdu fil-kwistjoni tal-pillola tal-għada filgħodu. Kemm dawk li huma favur l-aċċess għal din il-pillola, kemm dawk kontra, qegħdin iġibu argumenti xjentifiċi, mediċi f’dan il-każ, li jippruvaw l-argument tagħhom pro jew contra.

 

Fost l-artikli li qrajt matul il-ġranet kemm ilha li tfaċċat il-kontroversja kien hemm dak tan-newrologu Patrick Pullicino li fih iressaq argument li huwa taħlita ta’ xjenza u twemmin Kattoliku, żewġ fenomeni li mhux dejjem wasslu għal żwieġ feliċi. Pullicino jagħmel premessa li l-kontraċettivi użati min-nisa (mhux il-kondom) qegħdin jibdlu lin-nisa u jimplika, permezz ta’ referenzi akkademiċi jew kważi li jagħmel, li dawn qegħdin jinbidlu fi rġiel. Fost dawn il-bidliet, il-kontraċettivi jagħmlu lin-nisa iktar għajjurin (preżumilment aktar milli għamlithom in-natura) u jibżgħu inqas (preżumilment inqas milli jibżgħu di natura) u qegħdin jeskludu ’l Alla mill-proċess ta’ ħolqien (preżumilment kif mibdi minnu).

 

In-newrologu jirreferi wkoll għal xi studju ta’ ċertu Robert Michael mill-Università ta’ Stanford li jipprova permezz ta’ statistika (“statistically linked”) li ħamsa u erbgħin fil-mija taż-żieda fin-numru ta’ divorzji fl-Istati Uniti (preżumilment il-verità trid bilfors toħroġ mill-Istati Uniti) huma dovuti għall-użu tal-pillola kontraċettiva. F’dan l-artiklu tissemma wkoll Melanie Phillips, artikolista fuq it-Times tal-Ingilterra, magħrufa għall-fehmiet leminin tagħha li fost l-oħrajn jinkludu ċ-ċaħda li l-bidla fil-klima hija kkawżata mill-bniedem, pożizzjoni antigay u antifemminista u l-premessa li l-politika ta’ Obama għandha aġenda Iżlamista. Pullicino jirreferi għal Phillips bil-premessa li l-pillola kontraċettiva timmina l-bijoloġija u allura l-femminilità tal-mara.

 

Artiklu bħal dan jagħmel numru ta’ devjazzjonijiet li faċilment ifixklu d-diskussjoni aktar milli jsostnuha. L-ewwel nett Pullicino ma jagħmilx differenza bejn il-pillola kontraċettiva (jiġifieri dik li mara tieħu biex ma tinqabadx tqila) u l-pillola tal-għada filgħodu. It-tieni, is-sorsi li jirreferi għalihom, filwaqt li mhumiex identifikati, għandhom kwalitajiet politiċi li jpoġġuhom f’kuntest partikolari u allura żgur mhux newtrali kif ħafna drabi d-diskors xjentifiku jippoża li jkun.

 

Il-punt l-ieħor li jintrigani huwa kif kemm l-artiklu ta’ Pullicino kif ukoll id-diskors maħluq mill-kamp li jopponi l-kontraċettiv, jidentifika lill-mara bħala problema. Dan ma jidhirx biss fil-pożizzjoni li tiskansa l-kontraċettiv użat mir-raġel minn ‘problemi’ u devjazzjonijiet bijoloġiċi, imma wkoll fil-ħsieb li jħares lejn il-mara, l-ewwel u qabel kollox, bħala ġisem li jilqa’ ġo fih l-isperma, jiffekonda, iżomm u finalment jiled l-ulied. Fl-2016 għad hawn numru ta’ nies, inkluż akkademiċi u xjentisti, li jħarsu lejn il-mara bħala reċipjent, magna li tixħtilha l-fuel biex tipproduċi u taħdem.

 

L-idea li s-sess huwa primarjament mezz għall-prokreazzjoni tiġi mgiddba mhux mill-bniedem modern tas-seklu wieħed u għoxrin imma mill-bniedem ta’ kulturi antikissimi. Kulma wieħed irid jagħmel biex jara kemm huwa l-gost fiżiku l-funzjoni primarja tas-sess huwa li jħares lejn id-disinni, l-iskulturi u l-letteraturi ta’ ċiviltajiet antiki li ppreċedew lil dawk moderni u kontemporanji biex appuntu juru dan. Biżżejjed wieħed jaqra l-istqarrijiet erotiċi tal-maħbubin fl-Għanja tal-Għanjiet biex jara kemm il-ġibda sesswali hija impuls primarju fil-bniedem li għad hawn min jibża’ minnu. Kuntrarju għall-annimali – jew aħjar għal ħafna annimali għax lanqas l-annimali kollha m’huma hekk – il-bniedem għandu ħtieġa sesswali li tmur lilhinn, u lilhinn sew, mid-dmir għall-prokreazzjoni.

 

Il-gwerra kontra l-gost, imbagħad, tiħrax fil-konfront mal-mara. Il-mara kienu u għadhom jgħidulna xi wħud, m’għandha ebda dritt għax-xewqa u għall-gost. Il-gost minnu nnifsu huwa dnub u l-gost tal-mara huwa dnub li jisboq id-dnubiet l-oħra kollha.

 

Il-battalja kontra l-pillola tal-għada filgħodu, fl-aħħar mill-aħħar, mhijiex battalja kontra l-qtil tat-trabi iżda tentattiv antik biex titrażżan il-mara. Minkejja d-diskors fuq il-femminilità u l-bijoloġija femminili, l-argumenti kontra l-pillola tal-għada filgħodu dejjem se jwasslu għal qagħda li trid tliġġem u tissupera l-istess bijoloġija femminili li jsir tant tpaċpiċ irħis dwarha. Din hija battalja biex l-Għarusa fil-Kotba Mqaddsa ma tibqax tgħid lir-riħ: “onfoħ fuq il-ġnien tiegħi, ħalli s-siġar tal-balzmu tiegħu jqattru!” (Għanjiet 4:16).

 

Dan l-artiklu deher fl-Illum tas-26 ta’ Ġunju 2016

IL-BIŻA’ MILL-KTIEB

 

Ħafna minna, f’xi perjodu jew ieħor, qrajna jew studjajna x-xogħol l-aktar importanti ta’ Ellul Mercer, ir-rumanz Leli ta’ Ħaż-Żgħir, li ilu ħafna, meta x-xandir tal-Istat kien iħossu fid-dmir li jġorr responsabbiltà kulturali, kien intwera f’episodji fuq dak li kien l-uniku stazzjon televiżiv Malti.

 

Huwa rumanz ta’ kittieb xellugi li anki jekk kien nieqes mill-viżjoni rivoluzzjonarja Marxista, ħass li l-faqar materjali jirrifletti l-faqar kulturali ta’ proletarjat li fi żmienu kien nieqes għal kollox mill-edukazzjoni. Fir-rumanz tiġi emfasizzata d-differenza bejn il-kolti u dawk li mhumiex, li mhijiex neċessarjament distinzjoni ta’ klassi soċjali f’termini materjalistiċi daqskemm id-differenza bejn grupp li jrid jiftaħ moħħu u ieħor li jew m’għandux l-għodda biex jagħmel dan jew sempliċiment mhuwiex interessat. L-istampa li jagħtina Ellul Mercer turi li l-grupp il-kolt huwa biss nukleu żgħir, mitluf xi mkien, jekk mhux ukoll imwarrab, qalb massa aljenata fil-ġid jew fil-miżerja. Ellul Mercer, bil-kuxjenza tiegħu favur il-kawża tal-massa l-fqira, ra l-edukazzjoni bħala ċ-ċavetta li kellha tiftaħ il-bieb il-kbir tal-emanċipazzjoni tal-klassi. Fid-diskursati twal bejn il-protagonisti tar-rumanz, il-qari jiġi ppreżentat mhux daqstant bħala passatemp daqskemm mod ta’ għajxien li jittraxxendi l-kunsiderazzjonijiet materjali tal-ħajja ta’ kuljum. Il-ftuħ tal-moħħ huwa l-att rivoluzzjonarju ta’ Ellul Mercer, fis-sens li dan kellu jwassal għall-bidla fl-istat tal-massa proletarja.

 

Dal-ħsieb jibqa’ jirrikorri tul ir-rumanz sakemm f’daqqa waħda, lejn it-tmiem, l-aktar persunaġġ b’moħħu miftuħ, li saħansitra beda t-triq li għall-emanċipazzjoni tal-protagonista, ifaqqa’ bomba: “It-triq li qabbduni dawk li għamiltha magħhom u l-oħra li fetaħli l-qari tal-għerf, ma ġibuli ebda hena f’qalbi. Ma rridx infisser b’daqshekk li fehmet u kliem il-boloh huwa s-sewwa. Kif nista’ ngħid dan, jien li doqt il-għasel bnin tat-tagħlim u xrift u ħarist mit-twieqi li jagħtu għall-beraħ bla qies tal-għerf? Iżda, irrid u ma rridx, ikolli, minkejja fija, ngħid li għemil dawk li ma jaħsbuhiex bħali u l-ħajja li jgħaddu huma, mibnija fuq sisien ta’ Twemmin f’alla u f’ħajja oħra ’l hemm minn din, aktar donnha tqarreb lejn is-sewwa la darba dil-fehma, dat-Twemmin jagħtihom aktar hena, sabar u sliem milli sibna int u jien fil-kotba tal-għorrief li ma jemmnux.” Donnu li Ellul Mercer, b’dawn il-ftit sentenzi minn fomm l-egħref fost il-persunaġġi tiegħu, qiegħed jgħaddi, aktarx inkonxjament, messaġġ antiqari fil-ktieb l-aktar importanti tiegħu. Donnu qiegħed jesprimi ċertu biża’ mill-ktieb, tant li l-protagonista tiegħu aktar milli għenuh biex jiftaħ moħħu l-kotba wassluh biex tilfu. Hemm periklu serju fil-qari, mela.

 

Il-biża’ mill-kotba huwa s-suġġett ta’ saġġ li qrajt dan l-aħħar miktub mis-soċjolgu Frank Furedi, professur fl-università ta’ Kent, li speċjalizza fuq il-biża’ bħala fenomenu soċjali. Furedi jikteb dwar nies importanti li matul l-istorja kkummentaw dwar il-qari u l-perikli marbutin miegħu. Minn Sokrate li jissuġġerixxi li l-qari jista’ javvelena lill-qarrej, għad-drammaturgu Grieg Menander li ħareġ bl-idea li n-nisa m’għandhomx jaqraw minħabba l-emozzjonijiet qawwija u l-imħuħ dgħajfa tagħhom, sa numru ta’ kittieba u ħassieba li raw li jaf ikun hemm rabta bejn il-qari u l-propensità għas-suwiċdju. Furedi jagħmel dawn ir-referenzi storiċi huwa u jikkummenta dwar tendenza li qiegħda tikber fost studenti (mhux Maltin) li jirrifjutaw li jaqraw ċerti kotba minħabba l-biża’ li dak li hemm miktub jista’ jaffettwahom ħażin psikoloġikament.

 

Il-punt li jintriga lil Furedi mhuwiex daqstant li hemm min jara din ir-rabta bejn il-qari u l-periklu ta’ dannu psikoloġiku, iżda l-fatt li qabel kien hemm iċ-ċensuri li kienu jipproponu jew saħansitra jiddettaw x’għanu jaqra dak li jkun biex ma jħassarx ‘is-saħħa morali’, filwaqt li llum huma ż-żgħażagħ stess li qegħdin jitolbu forma ta’ ċensura biex tipproteġihom minn deni irreparabbli kkawżat minn ċerti kotba.

 

Bħalma qiegħed jiġi osservat f’oqsma oħrajn, is-suġġett trattat minn Furedi (inkluż fil-ktieb li ħareġ is-sena l-oħra The Power of Reading) juri bidla fundamentali fil-mod kif qiegħed jiżviluppa l-ħsieb fis-soċjetà kontemporanja. Mingħajr ebda ħjiel ta’ nostalġija Furedi josserva li filwaqt li ż-żgħażagħ, speċjalment l-istudenti universitarji, xi darba kienu fl-avangwardja tal-qari għax emmnu fil-ħtieġa tas-sogru bħala sinjal ta’ għajxien, illum in-nies ta’ din l-istess età qegħdin jibżgħu mis-sogru u qegħdin jirrikorru għaċ-ċensura biex jipproteġu lilhom infushom. Furedi qiegħed jissuġġerixxi, mela, li llum għandna soċjetà li tibża’, li m’għandhiex il-ħeġġa taffaċċja l-periklu. Forsi mhijiex daqstant għax is-soċjetà saret beżżiegħa daqskemm, dejjem forsi, għax il-kumdità, il-ħtieġa dejjem tonqos ta’ sagrifiċċju, rawmu ġenerazzjoni fi fsied żejjed.

 

Adrian Grima kiteb dwar il-qari f’Malta f’Ħożż fl-Ilma: il-Kotba, il-Qari u l-Baħar, monografu maħruġ fl-2008. Huwa jagħmel diversi osservazzjonijiet, fosthom jikkonferma permezz ta’ referenzi n-nuqqas serju ta’ qari. Il-biża’ mhuwiex wieħed mir-raġunijiet li Grima jippreżenta. Forsi, mingħajr ma rrid inkun aħrax wisq, il-problema tagħna lanqas biss tasal sa dak il-punt; forsi hija aktar bażika u sempliċi minn hekk. Forsi s-soċjetà żagħżugħa fostna għadha ġġorr wirt antik ta’ diżinteress serju fil-qari. Il-problema tagħna mhijiex daqstant il-biża’ frott tal-fsied, daqskemm il-falliment li titrawwem kultura ta’ qari. Anki jekk Rużar Briffa, bħal Ellul Mercer u numru kbir ta’ kittieba barranin, ħaseb li għall-marid għandek tressaq l-anestesija u mhux il-poeżija, il-‘marda’ tagħna hija differenti.

Dan l-artiklu qed jidher fl-Illum tat-12 ta’ Ġunju 2016

 

 

 

GĦALLIMNI U NGĦIX

Robert Waxler jibda l-ktieb tiegħu The Risk of Reading (2014) b’kumment dwar l-importanza tal-qari fil-ħajja tal-bniedem, jekk xejn għaliex hemm rabta intima bejn il-qari u l-ħajja. Waxler jikkummenta dwar il-qari bħala l-mezz kif mhux biss nagħmlu sens mid-dinja ta’ madwarna imma bħala mezz ta’ skoperta ta’ min aħna.

 

Il-qalba minn dak li Waxler isejjaħlu moħħ qarrej għal moħħ diġitali, hija ta’ detriment kbir għall-fakultajiet umani proprju għaliex timmuta din il-kapaċità ta’ skoperta, ta’ esplorazzjoni ta’ min aħna. Appuntu dan huwa r-riskju tal-qari: ir-riskju li tidħol fl-avventura li biha tiskopri min int u x’inhi d-dinja ta’ madwarek.

 

Id-dinja diġitali, iżda, tirrendi lil dak li jkun f’xi ħadd li jikkonsma, f’xi ħadd li jiġi sedott minn bumbardament sħiħ ta’ xbihat, ħafna drabi nieqsa minn konnessjoni bejniethom, u minflok jaħseb jibla’ għal ġo fih messaġġi li jiġu kkunsmati mingħajr ma jiġu mixtarra.

 

Wisq probabbli ilna li dħalna fl-era tal-berqa, tax-xrara, fejn kollox huwa ppressat f’ċokon estrem: messaġġi ta’ malajr, messaġġi qosra, fattwali bla ma jkunu kritiċi, li l-għan tagħhom huwa li jiġu kkunsmati malajr kemm jista’ jkun, l-istess bħall-ikliet tal-McDonalds. Bla dubju, dan kollu għandu effett fuq il-ħiliet lingwistiċi tagħna.

 

Hawn ħafna għalliema, inklużi letturi li jgħallmu fil-qasam terzjarju, li qegħdin jilmentaw mill-faqar tal-abilitajiet lingwistiċi ta’ numru ta’ studenti, ironikament ħafna minn dawk li qegħdin jistudjaw il-lingwi u l-letteratura. Dawn l-għalliema qegħdin jaraw mhux biss kemm il-livell ta’ espressjoni naqas fost l-istudenti, iżda li qegħdin jikbru d-diffikultajiet biex dak li jkun jesprimi mqar messaġġi sempliċi. Minbarra l-atroċitajiet ortografiċi u grammatikali, għandna numru ta’ studenti li qegħdin isibuha diffiċli jittraduċu l-ħsibijiet tagħhom f’sentenzi.

 

L-ironija hi li dawn l-istudenti jibqgħu tilgħin minn sena akkademika għal oħra, jagħmlu l-eżamijiet, jgħaddu minnhom (jekk mhux ukoll imorru tajjeb), u jaslu saħansitra sal-università.

 

Kif u x’fatta ftit huma dawk li jafu jew jistgħu jifhmu.

 

Issa anki jekk studenti bħal dawn qegħdin jiksbu ċ-ċertifikati u d-diplomi, is-sinjali tad-defiċjenza, illum jew għada, jibdew ħerġin fil-beraħ. Aqraw il-gazzetti, isimgħu l-aħbarijiet u l-programmi fuq ir-radju u araw il-programmi televiżivi u malajr tieħdu idea ta’ dan. U b’dan miniex nalludi għall-kummenti tan-nies fil-kolonni ta’ “għid li trid għax hawn jgħodd kollox”, imma fil-kolonni, fl-irkejjen, fil-programmi sħaħ tal-‘professjonisti’.

 

***

 

Proprju matul il-ġimgħa li għadha kemm għaddiet, ġew irrappurtati, fi ġranet differenti, żewġ affarijiet importanti fuq l-edukazzjoni lokali, li jirrigwardaw b’mod partikolari l-ħila lingwistika. L-ewwel rapport kien li esperti mill-Università ta’ Cambridge ħarġu bi proposta li jkun aktar għaqli li l-istudenti Maltin jitgħallmu l-Ingliż bħala lingwa barranija aktar milli bħala lingwa lokali. It-tieni rapport, li wkoll deher fit-Times, iħabbar li wara test li sar f’kampjun minn studenti ta’ bejn id-disa’ u l-erbatax-il sena, fi skejjel differenti, jirriżulta li t-tfal fl-iskejjel primarji tal-Istat għandhom ħila ta’ kitba bl-Ingliż akbar minn dik ta’ tfal fl-iskejjel privati u tal-Knisja.

 

Ir-rapport jikkwota lil Ian Mifsud, mid-Direttorat għall-Kwalità u l-Livelli fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, jgħid li dawn ir-riżultati kienu sorprendenti. Ma nafx jekk is-sorpriża kinitx għax l-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja ħarġux bħala l-agħar jew għax l-istudenti fl-iskejjel tal-Istat ħarġux l-aħjar.

 

Jidher li bqajna bit-tendenza li nqabblu u nipparagunaw l-iskejjel tal-Istat ma’ dawk tal-Knisja. Għallinqas sa qabel dan ir-riżultat “sorprendenti” donnu li l-iskejjel tal-Knisja kienu l-kejl lokali biex niġġudikaw skola hijiex tajba jew le.

 

Wieħed irid jara wkoll kif u għala l-iskejjel tal-Knisja żviluppaw f’dan il-kejl: jekk il-kejl kienx jirrifletti l-aspett edukattiv ta’ dawn l-iskejjel jew kienx hemm fatturi soċjali oħra, bħall-klassi soċjali, l-old boys networks, impressjonijiet u preġudizzji, li wildu mit ieħor fost ħafna oħrajn. Naturalment, fuq dan hemm l-esperti, is-soċjologi tal-edukazzjoni, li jistgħu jixħtu aktar dawl fuq l-istorja soċjali tal-edukazzjoni u l-iskola f’Malta.

 

Forsi l-fatt li t-tfal fl-iskejjel tal-Knisja marru l-agħar f’dan l-istudju m’għandniex neħduh daqshekk b’sorpriża wara kollox. Diversi minn dawn l-iskejjel għadhom iħaddmu sistemi ta’ tagħlim antiki li niddubita kemm huma produttivi. Għadek issib klassijiet fil-livell primarju jitgħallmu listi fuq listi bl-amment; testijiet li jeżaminaw il-memorja minflok il-kontenut; infurzar ta’ kapitli sħaħ ta’ informazzjoni minflok edukazzjoni fejn anki r-reliġjon infisha tiddeffes fi mħuħ żgħar mingħajr ebda relevanza f’ħajjithom, mingħajr ebda konsiderazzjoni jekk dawn l-imħuħ humiex jifhmu jew humiex biss jaħżnu informazzjoni li jridu jitgħallmuha bl-amment. B’sistemi bħal dawn qajla għandna nissorprendu ruħna li tfal mill-iskejjel tal-Knisja jbatu biex jikkomponu kitba kreattiva.

 

***

 

Ir-rapport li ħarġet l-Università ta’ Malta wara l-eżamijiet tal-MATSEC tas-sena l-oħra ma kienx pożittiv lanqas. Fih kien hemm kumment dwar il-livell baxx tal-Ingliż li jirrifletti n-nuqqas serju ta’ qari. L-impressjoni ta’ ħafna, inkluża tiegħi, hija li l-faqar mhuwiex biss fl-Ingliż imma fil-lingwi kollha, l-aktar fil-lingwa nattiva. Xi darba seta’ kellna skuża li ma jeżistux kotba tajbin bil-Malti, li l-produzzjoni tal-kotba mhijiex ta’ livell. Illum dan m’għadux jagħmel sens. Imma sadattant il-qari naqas, il-livell fil-kitba qed jitkaxkar mal-art. Wara r-rapport dwar il-proposta mill-esperti ta’ Cambridge biex ngħallmu l-Ingliż bħala lingwa barranija, uħud, biċ-ċajt u b’ironija, issuġġerew li ngħallmu l-Malti wkoll għandna ngħallmuh hekk. Mhijiex ċajta tad-daħq wisq u fiha ironija li tniggeż ħafna. Nafu bl-isforzi li qegħdin isiru minn entitajiet differenti biex it-tfal jaqraw aktar, imma jidher li dawn il-programmi ftit qegħdin ikollhom effett. Il-mira għandha tkun mhux daqstant li nħajru lit-tfal jaqraw, imma li noħolqu kultura ta’ qari fiċ-ċittadini kollha. Forsi l-programmi ta’ edukazzjoni għall-qari m’għandhomx ikunu mmirati lejn it-tfal biss: il-problema tinsab aktar fil-kbar.

 

Dan l-artiklu qed jidher fl-Illum tad-29 ta’ Mejju 2016

 

 

RAKKONTI U BARRANIN

Jingħad li l-bnedmin għandhom fakultà naturali li jirrakkuntaw; anzi ma jistgħux ma jagħmlux hekk. Forsi ftit nagħtu kas, jekk biss nintebħu, li moħħna jokkupa ruħu jirrakkonta anki mingħajr l-intenzjoni tagħna. L-iċken stimulu, speċjalment viżiv, u bla ma nafu nsawru rakkont madwaru. Ritratt ta’ karozza mfarrka (li sfortunatament dan l-aħħar qegħdin naraw ħafna minnhom) u mingħajr ma nafu x’wassal għal dak l-aċċident insawru storja marbuta miegħu aħna, u nagħmlu hekk mingħajr ma nippjanaw.

 

Li ma kienx għal din il-fakultà ma kienx ikollna l-ħrejjef, in-novelli, ir-rumanzi, id-drammi, il-films. Għax, m’għandniex xi ngħidu, il-kapaċità għar-rakkont twelled, imbagħad, il-ħtieġa għaliha. Nirrakkuntaw għax neħtieġu nirrakkuntaw, mill-aktar affarijiet sempliċi, jekk mhux trivjali, sa inċidenti serji, mumenti deċiżivi f’ħajjitna u x’naf jien.

 

Il-biċċa hi li minkejja din il-ħtieġa għar-rakkont, mhux kulħadd għandu l-istess opportunità li jwassal dak li qiegħed jirrakkonta f’moħħu. Hemm rakkonti u rakkonti, ideat li jinstemgħu ħafna u ta’ spiss u oħrajn li ħadd ma jaf bihom; hemm rakkonti li jittieħdu b’serjetà kbira u oħrajn li saħansitra jiġu mtarrxa biex kemm jista’ jkun ma jinstemgħux; hemm rakkonti li jqanqlu ħeġġa liema bħalha u oħrajn li jħallu bruda xxoqq.

 

Jidhirli li daqskemm għandna l-ħtieġa li nirrakkuntaw, għandna wkoll it-tendenza li nħobbu nisimgħu. Mhux kulħadd lest jisma’ l-istejjer tagħna, mhux kulħadd ikun interessat. F’dan is-sens, l-attitudni tagħna hija waħda selettiva: nagħżlu li nisimgħu dak li jinteressana u maż-żmien niżviluppaw is-sett ta’ interessi li jiggwidana lejn x’lesti u x’m’aħniex lesti li nisimgħu.

 

Meta wieħed jikkonsidra l-preżenza ta’ mijiet ta’ immigranti li b’xi mod jew ieħor waslu f’Malta, ikun jista’ biss jobsor kemm rakkonti hemm x’jinstemgħu. Sempliċiment għax dawn huma bnedmin, għandhom huma wkoll il-fakultà li semmejna aktar ’il fuq. L-istorja tagħhom, bil-mumenti varji tagħha, hija rakkont ieħor mal-ħafna li jistgħu jinstemgħu. Meta nara wħud minnhom jistennew jew jitlajjaw il-Marsa u fi nħawi oħrajn, nittanta nimmaġina r-rakkonti tagħhom x’jistgħu jkunu: il-ħajja qabel it-tluq mill-art nattiva, il-movent tat-tluq u l-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni, il-vjaġġ, il-wasla, il-ħajja l-ġdida.

 

Il-preżenza ta’ dawn l-individwi, anki jekk tidher ħafna (u għal xi wħud tagħti ħafna fl-għajn), mhijiex tinstema’. Hija preżenza mingħajr rakkont, jew aħjar preżenza li r-rakkont tagħha ma jinstemax. Aħna selettivi ħafna fir-rigward ta’ x’nisimgħu u l-mezzi tax-xandir huma ggwidati minn interessi li mhumiex jagħtu priorità lir-rakkont ta’ dawn l-individwi. Għax, iva, il-mezzi tax-xandir għandhom sehem kbir fuq il-kunsiderazzjoni ta’ liema rakkonti jitwasslu u liema jibqgħu moħbijin u dawn il-kunsiderazzjonijiet mhux dejjem jitkejlu skont l-importanza tar-rakkonti nfushom.

 

Ir-rakkont m’għandux jitqies biss ‘interessanti’, bħal xi ħaġa li tiġbed il-kurżità rħisa jew sensazzjonali, bħal ngħidu aħna jekk kantanta ħarġitx tqila jew le, jew min ħariġha tqila, jew jekk hux se jkollha tifel jew tifla. Ir-rakkont għandu jitqies, qabelxej, bħala importanti. U hawn miniex inqis biss ir-rakkont dwar il-vjaġġ jew il-‘ħajja ta’ qabel’, imma anki dwar il-ħajja ta’ issa.

 

Huwa importanti li nisimgħu r-rakkonti ta’ dawn l-individwi li fihom jgħidulna min aħna aħna, kif nidhru aħna fir-rakkont tagħhom, kif qegħdin naffettwawlhom ħajjithom. Huwa importanti anki għalina, li nsiru nafu min aħna għal ħaddieħor. L-għajn barranija għandha s-setgħa li tara ħwejjeġ li dik lokali ma tarax. Pereżempju huwa interessanti li wieħed jiftakar fin-numru kbir ta’ rakkonti ta’ vjaġġaturi barranin, l-aktar Ingliżi fil-perjodu bikri tal-kolonizzazzjoni ta’ Malta, li rrakkuntaw il-vjaġġi tagħhom lejn dak li kienu jsejħulu l-Levant u li kienu jwassluhom Malta fi triqthom. Dawn ir-rakkonti tkellmu dwar Malta, dwar il-Maltin, anki jekk, kif inhu normali, ir-rakkonti ħarġu magħhom l-interessi u l-preġudizzji kulturali ta’ dak li jkun. Persważ li tkun ħaġa intriganti u importanti li nisma’ dwar min jien, li nara kif nidher fir-rakkont ta’ min ġie mill-bogħod u li qiegħed jgħix fuq l-istess blata tiegħi.

 

Irrid ngħid ukoll li hemm l-esperjenza ta’ immigranti oħrajn, mhux biss dawk li ġew maħruba, li wkoll trid tiġi rrakkontata. Persważ li r-rakkont ta’ dawn dwar Malta jaf jagħti ideat dwarna li, pereżempju, ma jogħġbuniex.

 

Qiegħed nikteb dan il-kumment f’mument ta’ darba f’sena meta nibdew inħossuna differenti mis-soltu: meta nħossuna nazzjon, inħossuna poplu, u nħossuna prominenti anki meta mqabbla ma’ nazzjonijiet u popli oħrajn. Qiegħed nikteb dan il-kumment waqt ewforija sħiħa fil-jiem li jwasslu għal ċelebrazzjoni kulurita u għalja ħafna tal-‘kultura’ Ewropea: il-Eurovision. Sa meta joħroġ dan l-artiklu nkunu nafu jekk għandniex inħossuna l-iktar nazzjoni speċjali tal-kontinent jew inkunux qegħdin nibku x-xorti li aħna żgħar bħalma nagħmlu sena wara l-oħra. Imma r-riżultat mhux daqtant importanti daqs kemm huwa importanti l-mod kif qegħdin nirrakkuntaw lilna nfusna f’dan il-mument. U huwa importanti wkoll naraw jekk ir-rakkont tagħna dwarna jaqbilx mar-rakkont tal-oħrajn dwarna. L-impressjoni tiegħi hija li llum sirna, bħal darba ilu ħafna, nittrattaw il-barrani – kemm jekk ġie hawn maħrub, jekk ġie hawn bi pjan – bħala barrani. Ftit li xejn jinteressana r-rakkont tiegħu, ftit li xejn tinteressana ħajtu.

 

Il-barrani, għalina, huwa sempliċiment dak: barrani, kważi irrispettivament għandux xagħru kannella jew bjond, għandux wiċċu iswed jew abjad.

Dan l-artiklu deher fl-Illum tal-15 ta’ Mejju 2016

AKTAR NOTI WAQT VJAĠĠ

 

Diffiċli li wieħed jifhem x’jiġifieri tkun magħluq fi spazju ristrett mingħajr wisq libertà tal-mixi. Forsi l-antenati tagħna kellhom idea vaga ta’ dan, fi żminijiet meta l-ivvjaġġar kien kumdità tal-ftit ħafna, u l-mezzi ta’ komunikazzjoni kienu xi ittra ta’ kultant (għal min kien jaf jikteb u jaqra).  Aktarx li l-ewwel effett tal-għeluq huwa l-perċezzjoni li hemm żewġ dinjiet: dik tiegħek u dik ta’ xi mkien ieħor; waħda ġewwa u l-oħra li qiegħda xi mkien hemm barra. Mhux ta’ b’xejn li l-lingwa tagħna ħolqot espressjonijiet bħal “ta’ Malta u ta’ barra”, “ta’ barra minn Malta”, “Malta u lilhinn minnha”. L-ispazju joħloq perċezzjoni li tkun diffiċli ħafna għal dak li jkun li jaħseb b’mod differenti, li jara lilu nnifsu u lil dawk ta’ madwaru b’mod differenti minn kif tpinġi kollox dik il-perċezzjoni.

Din il-ġimgħa ħassejt l-għeluq mhux minħabba l-baħar iżda minħabba l-ġebel, ħafna ġebel li llum sar jikkaratterizza din l-art. Malli tinżel fl-ajurport ta’ Ben Gurion, l-Iżrael, jitfaċċa l-ewwel ħajt fl-għajnejn tal-gwardjani u l-uffiċjali tal-fruntieri, dawk li, fi kliem ieħor, jiddeċiedu jħallukx tidħol f’dik l-art jew le. Bħall-gwardjani f’ħafna pajjiżi oħrajn, għajnejn dawn iħarsu lejk b’suspett, b’ostilità li ħafna drabi tikkuntrasta mal-merħba li jagħtuk l-għajnejn tan-nies komuni.

Imbagħad, minn ġol-karozza, int u ssuq lejn il-belt fejn twieled il-Kristjaneżmu, tibda tara ħafna għoljiet u ħitan tal-konkrit donnhom labar ħirġin minn dahar xi mostru. U tara blokki kontra blokki ta’ appartamenti, maġenb xulxin, ħdejn xulxin, fuq xulxin, ġo xulxin, irossu lil xulxin, jieklu l-ftit spazji li fadal. Il-ġlieda f’din l-art hija ġlieda bil-ġebel: dawk li jitgaraw bl-iżbandoli u dawk li jokkupaw l-ispazju.

Sa ċertu punt, il-ħajt li jagħfas lil Betlem ifakkrek f’dak li kien hemm f’Berlin. Mimli taħżiż biż-żebgħa, messaġġi ta’ protesta, mimlija rabja u wġigħ, il-ħajt jagħlaq ġo fih ġojjell mhux biss fid-dehra tal-binjiet tiegħu, imma anki fid-diskors li tisma’ mingħand xi wħud. Iltqajt ma’ Vera Baboun, is-sindku tal-belt. Baboun, oriġinarjament professur tat-teorija letterarja, titkellem fuq beltha b’entużjażmu kbir. Lil Betlem issejħilha l-belt tat-trabi għax, biex nikkowtaha, f’Betlem twieldet IT-tarbija. Hija tkompli tgħid li Betlem hija, minnha nfisha, il-belt tas-sliem. Imbagħad tinduna li l-entużjażmu jinbidel fid-dispjaċir meta jissemma l-Ħajt. Baboun għandha biża’ wieħed: li n-nies jidraw; li l-ħajt jiġi internalizzat, jinbela’ bħal kikkra kafè iswed, u jsir parti mis-sistema tan-narrattiva kollettiva ta’ Betlem: mill-għar ta’ Betlem għall-ħajt ta’ Betlem; Betlem tal-għar, Betlem tal-ħajt.

L-intellettwali Palestinjani għandhom biża’ ieħor: li l-iżolament fiżiku impost b’miżuri fiżiċi (il-ħajt, iċ-checkpoints, ir-restrizzjonijiet ta’ permessi fejn wieħed jista’ jiċċaqlaq, sistemi ristretti fit-teknoloġija taċ-ċellulari fost l-oħrajn) iwassal għall-iżolament fil-moħħ, għall-amnesija dwar id-dinja l-oħra, mhux dik tas-sema, imma dik li hemm lilhinn miċ-chekpoints, wara l-għoljiet xagħrija li jgħattu dik it-triq immaġinarja u mhix li twassal għal dak l-imkien li huwa tant ʼil bogħod li lanqas jidher. Dan l-iżolament, imbagħad, jista’ jwassal għal għeluq tal-moħħ mhux fis-sens li soltu narawh, imma fis-sens li “minn ġewwa” “hemm barra” jibda jidher bħala għadu, li dawk t’hemmhekk huma, de facto, għedewwa. Bit-tir li dan ma jseħħx, fl-Università ta’ An-Najah, hemm proġett ta’ għarfien “tal-barrani”. Fuq il-kampus prinċipali tal-università, li meta mort jien kienet qiegħda taqbad bil-kuluri u l-ferħ għax inzerta jum il-gradwazzjoni, il-“barrani” kien il-Ġermanja. Fuq it-tabelli kien hemm ritratti ta’ Ġermaniżi kbar, fosthom Marx (Lhudi) u Einstein (Lhudi). Imma li kien impressjonanti kienet ir-rokna fejn kienu mdendla ritratti tal-Ġermanja waqt iż-żewġ gwerer dinjija, b’ritratti, fost l-oħrajn, ta’ Auschwitz u Treblinka, tal-massakru ta’ miljuni ta’ Lhud. Setgħu jagħżlu li ma jsemmux dan il-massakru. Setgħu jagħżlu wkoll, bħalma hawn min fostna li għażel li jagħmel, jinnega l-olokawstu. Minflok, fl-Università ta’ An-Najah, jitkellmu fuq il-qtil sistematiku tal-Lhud; fuq dak ukoll. Minkejja kollox. Kien hemm min qalilna li, jekk xi darba jtiru ċ-checkpoints u, bħalma ġara darba waħda f’din l-istess Ġermanja, jiċċarrat il-konkrit tad-diviżjoni, dawk ta’ ġewwa jridu jkunu ppreparati għal dak li hemm “hemm barra” u jridu jkunu jafuh, fil-ħażin u fit-tajjeb tiegħu.

Mhijiex ħaġa faċli tikteb dwar l-istorja ta’ ħaddieħor. Dejjem insib did-dilemma quddiemi jekk għandix niddiskutiha għax wara kollox jien ċittadin tad-dinja, jew għandix niskot u noqgħod lura għax la miniex ngħix din l-istess storja ma nista’ qatt nifhem is-sentenzi li jiffurmawha. Wara kollox miċ-checkpoints stajt nibqa’ għaddej, l-ajruport stajt immur, l-ajurplan stajt naqbdu u stajt nitlaq bla xkiel xejn. U xi kultant l-iċken kelma taf tkun żejda.

Imma anki f’Malta mimlija ċellulari kkollegati ma’ kull rokna tal-globu u servizzi tal-internet li kuljum joħorġu jiftaħru bl-effiċjenza dejjem tikber li biha jservu; minkejja s-safriet li ħafna minna jagħmlu kull sena, l-aħna u l-huma, il-perċezzjoni ta’ “hawn ġew” u “hemm barra” għadha hawn, imqar jekk f’forom differenti minn qabel. Malta, hawn min qiegħed jibża’, mimlija barranin, nies minn barra. M’għadux importanti jekk dawn humiex suwed, Musulmani, jew ‘imtektkin’. La ġew minn barra, jibqgħu ta’ barra. U ħafna qegħdin isibuha problema li ta’ barra qegħdin jgħaddu sa ġewwa.

 

Dan l-artiklu deher fl-Illum tal-1 ta’ Mejju 2016

KARROTTIIII! KARROTTIIII!

F’kull kultura, f’kull era, tinħass il-ħtieġa biex jinħolqu sett ta’ miti ħalli b’hekk jiġu ġustifikati xewqat li ma jistgħux jinqatgħu; jew inkella ambizzjonijiet li huma kważi impossibbli. Fi kliem ieħor ikun jinħass il-bżonn li dak li huwa mixtieq jew mistħajjel jinbidel f’verità li mhijiex vera għax qatt ma seħħet, jew seħħet biss fl-istħajjil. U hemm ukoll dawn il-biżgħat, l-iskumditajiet li jridu jittaffew u allura jinħolqu miti oħrajn bit-tir li jpattu għal dawn id-diżappunti.

 

Ħafna minna jiftakru lill-poplu Malti jġib ruħu ta’ żewġ popli ċkejkna, wieħed oppost għal ieħor. Antagonisti b’mibegħda li xi kultant donnha kienet titgħatta għal xi żmien u mbagħad l-inqas inċident jerġa’ jikxef kollox. Sadattant dejjem konna nitkellmu dwar “il-poplu Malti”, poplu li, għallinqas kemm tagħtini l-memorja, qatt m’eżista. Ħlief fl-istħajjil ta’ xi poeti antiki li kellhom aġenda li kienet teħtieġ dal-mit. Ħlief fil-paraventi li ninħbew warajhom meta l-gidba tibda tniggeż u allura nsibu dik l-okkażjoni darba fill biex din il-gidba nagħtuha l-ħabel ħalli tkun tista’ tkampa ftit ieħor. Poplu tal-okkażjoni. Poplu ta’ meta jsir il-ġbir għall-imsieken; jew ta’ meta jkollna xi kantanta tkanta quddiem dik l-Ewropa tal-maskarati u l-voti fuq iċ-ċellulari.

 

Kellna din ix-xena reġistrata fuq filmat xi jiem ilu: ġgajta mdaqqsa quddiem il-qorti; nies bin-nuċċali tax-xemx jieħdu r-ritratti biċ-ċellulari smart; għaqda ta’ żgħażagħ bil-ġlekk u l-ingravata quddiem kartellun faċċata tal-qorti; ġurnalisti jħufu b’mikrofni kbar qalb din il-ġgajta. Bejn il-bini tal-qorti u l-monument tal-Assedju l-Kbir.

 

Ix-xeni li seħħew kienu taħlita patetika ta’ kummiedja u drama. Kien hemm mara tperper ilsienha quddiem il-kamera. Oħra tipprova tgħatti x-xeneġġjata kollha billi tross daharha mal-lenti. Imbagħad kien hemm raġel iħanxar “Karrotti! Karrotti” mingħajr ma kien qiegħed iġorr imqar zunnarija waħda. Xi ħadd beda jgħajjat sentenzi ma jinftehmux dwar il-penzjoni u waħda mara kellha tiġi mbuttata ’l hemm għax użat l-isperma bħala metafora. U, aktarx l-isbaħ xenetta, waħda mara oħra b’xagħarha lewn il-fidda, tirrapporta l-penetrazzjoni anali tal-gvern fuq Malta.

 

Dan huwa l-mod – dan għadu l-mod – kif fl-2016 għadha tiġi diskussa l-politika. Din hija l-idea tagħna tal-libertà tal-espressjoni: il-frattarija kif ikun hemm fuq Xarabank, kif ikun hemm ukoll fil-kummenti fil-portali tal-gazzetti (li mn’alla ma jinstemgħux), fil-famużi phone-ins li għadhom moda minn mindu lliberalizzajna x-xandir u tajnieh lill-poplu. Dan huwa l-istat li ħallew lil dan il-poplu fih il-partiti tagħna: hekk ħtieġu, hekk xtaqu, hekk għamlu.

 

Frankament mhux faċli tifhem x’marret tagħmel dik il-ġgajta fil-portiku tal-qorti u lanqas mhux faċli tifhem x’marru jagħmlu ma’ din il-ġgajta dawk iż-żgħażagħ tal-ġlekk u l-ingravata jekk mhux biex jipprovokawha. Kull diskors dwar libertà tal-espressjoni jkun qiegħed jittrivjalizza dan id-dritt li, ħalli ngħiduha, mhux għax nemmnu wisq li “l-oħrajn” għandhom id-dritt jeżerċitawh jekk mhux biex jaqblu magħna. Lanqas mhu ċar eżattament x’marru jagħmlu l-ġurnalisti bil-mikrofni qalb il-ġgajta, b’mistoqsija ripetuta li kien wisq ovvju l-ħsieb provokatorju tagħha.

 

L-imġiba ta’ ċerti ġurnalisti, partikolarment dawk impjegati direttament mill-partiti, ukoll ixxaqleb lejn id-drama. L-ewwel nett jagħmluha ovvja li meta jpoġġu l-mikrofnu quddiem ħalq xi ħadd, inkluż xi ministru dieħel jew ħiereġ mill-parlament jew Kastilja jkunu qegħdin jistennew it-tweġiba li jkunu jridu jirrapportaw minflok dik li jkun irid jagħti l-intervistat. It-tweġiba mistennija tifforma nofs il-mistoqsija. Jidher tant ovvju n-nuqqas ta’ rispett ta’ min qed jintervista lejn l-intervistat.

 

Imbagħad, la qegħdin insemmu l-ġurnalisti, ma nistax ma nikkummentax jien ukoll fuq l-insensitività ta’ wħud mill-ġurnalisti tal-istazzjon nazzjonali – dawk li suppost huma x-xempju tal-altezza u l-professjonalità – fir-rappurtaġġi tagħhom. Jinsteraq ħanut tad-dwiefer, u r-rapport fuq tvm.com.mt jirrapporta li min wettaq ir-reat kien xi ħadd trans. Importanti li ngħidu li dax-xi ħadd kien trans, għax kif ktibt xi ġimgħat ilu, hemm il-liġi tal-parlament – dik li tispeċifika d-dritt ugwali bejn kulħadd – u l-liġi tat-triq (u tal-websites) li trid timmarka l-linja bejn l-aħna u l-oħrajn. Mhux talli hekk, talli din il-persuna, qalulna tat-tvm.com.mt, la titkellem u lanqas tisma’. X’kull waħda, it-trans u dawk neqsin mis-smigħ u d-diskors jisirqu l-ħwienet tad-dwiefer!

 

Diġà kien hemm każi mhux wisq ilu ta’ ġurnalisti fuq l-istazzjon tal-istat li ġew ikkritikati minħabba rappurtaġġ razzist waqt kummentarju ta’ logħba futbol. Jidher li hemm bżonn aktar direzzjoni, aktar kuxjenza tal-poter li għandu l-kliem u l-poter u r-responsabbiltà li jġorr min juża dan il-kliem.

 

Imbagħad, meta tikkalma r-rabja u d-diżappunt li jsegwu l-fares li seħħew quddiem il-qorti, tipprova terġa’ tibda tittama li xi darba t-tribaliżmu li nogħxew fih nuruh il-karta l-ħamra. Mhuwiex il-każ li t-tama hija kbira wisq għax li jgħid il-Partit, inkorporat fil-figura tal-kap, għadu l-bibbja u l-messall ta’ ħafna. “Jitkellem hu, jiskot kulħadd,” qalulna dil-ġimgħa.

 

Nistennew. U sadattant inkomplu nwerżqu; inkomplu nixxadinjaw wara l-mikrofni u nużaw diskors belliġġerenti bħal, “nikinsu”, “sejf”, “mannara” u nqumu fi standing ovation malli nisimgħu dan l-għerf; inxejru idejna; u nixxeneġġjaw, għax il-politika mhux bl-imħuħ tiġi rraġunata imma bir-referenza għall-warrani u bil-karrotti.

 

Dan l-artiklu qiegħed jidher fl-Illum tas-17 ta’ April 2016