PALESTINJANA

Waħda tifla – li apposta m’iniex se nniżżel isimha – inzertat tgħix il-Palestina. Waqt wieħed mill-attakki insensati ta’ Iżrael din it-tifla tilfet lil ommha u lil ħuha. Dan kollu ġara f’Novembru li għadda. Għal xi żmien għexet waħidha fi sptar għax missierha, imġarrab bit-telf ta’ familtu, ħaseb li tilef lilha wkoll. Missierha jsibha. Rapporti fit-Times of Malta jgħidu li l-missier u l-bint jidħlu moħbija fl-Eġittu. Fi Frar jinġiebu Malta. Fl-ajruport dawn iż-żewġ turufnati jintlaqgħu mill-ambaxxatur Palestinjan f’Malta li jġorr it-tifla fl-Arrivals. It-tnejn li huma, iżda l-aktar it-tifla, jintlaqgħu ukoll minn Robert Abela u martu Lydia. Kif nafu? Għax hemm ir-ritratti u l-filmati li juru dan kollu. It-Times, pereżempju, turi ritratt li ttella’ minn Robert Abela, b’wiċċu mbissem flimkien ma’ martu jifirħu b’din it-tifla li għandha bżonn kura urġenti (għalhekk inġiebet Malta).

L-istorja ta’ dit-tifla ma tiqafx hawn. L-Erbgħa filgħodu, dit-tifla, akkumpanjata minn missierha u l-Ambaxxatur Palestinjan, tittieħed fl-istrangers gallery tal-Parlament Malti, waqt is-seduta parlamentari. Emmm, iva, dit-tifla midruba, tittieħed fl-istrangers gallery tal-Parlament ta’ Malta. L-ispeaker jgħid talba biex jiftaħ is-seduta u jħabbar li fl-istrangers gallery hemm tifla Palestinjana li nġiebet għall-kura. Iqum jinidirizza s-sedja Byron Camilleri, il-ministru tal-Intern, u, għallinqas skont it-Times, jgħid li d-dehra ta’ din it-tifla fl-istrangers gallery, iġġib realizzazzjoni tal-kruha tal-gwerra.

Il-preżenza ta’ din it-tifla fl-istrangers gallery tal-Parlament Malti “is a stark realisation of the true ugliness of war.”

Kif nafu dan kollu? Għax is-seduti parlamentari jixxandru fuq kanal tal-istazzjoni televiżiv tal-Istat u l-kamera tat close-up tat-tifla, akkumpajata minn missierha u l-Ambaxxatur.

Hemm att ieħor f’din il-messanxena kollha: Bernard Grech jeħdulu ritratt iġorr lil din l-istess tifla, bi tbissima tixbah lil dik li Robert Abela taha l-jum ta’ qabel. Kif nafu? Għax, ovvjament, ir-ritratt ma nġibidx għal xi album privat imma biex jixxandar fuq il-mezzi kollha possibbli. U, biex ma naqbżu lil ħadd, kien hemm kelliem tal-PN li żied li l-Kap tiegħu saħansitra taha rigal u kartolina.

Hemm modi differenti kif nibdlu t-traġedji fi spettaklu. Din l-istorja hija wieħed minnhom.

Il-politiċi u r-rappreżentanti tagħhom, għandhom ħabta jilagħbu bit-tfal minflok jilagħbu magħhom.

2 thoughts on “PALESTINJANA

  1. Nammirak. Għidt dak kollu li ħafna minna jaħsbu imma ma wassalnieh imkien. Din mhux tifla feruta u trawmatizzata? Tifla u missier li ghaddee minn esperjenza simili għandhom moħħ iċ-ċeremonji? Jew jiena minni naghggibhom?

  2. Bravu Immanuel. Dak hu ezatt li kont qed nahseb. Disgustanti u ta qliegh l istonku. Il klassi politika ma ghadx ghandha il fiducja ta min ghanfu nitfa melh f’rasu.
    Mario Azzopardi

Leave a comment