IR-RISTORANT

Dalgħodu ħafna qamu maħsuda bl-aħbar li dehret fuq il-MaltaToday, li l-bejt tal-Bażilika ta’ Kristu Re, fir-Raħal Ġdid, kien se jinbidel f’ristorant, li l-kampnari kienu se jinbidlu f’ċentri turistiċi-kulturali (f’Malta dawn iż-żewġ kelmiet saru sinonimi) u li hemm fuq se jibda jsir, minbarra l-bejgħ tal-kafè u forsi xi pastizz, bejgħ ta’ souvenirs li r-rapport ma speċifikax ta’ xiex se jkunu, iżda li s-sens komun jgħid li n-natura tagħhom se tkun waħda reliġjuża.

Sors: Wikipedia

Intant, kemm il-Kurja tal-Isqof, u kemm xi għaqda tal-lokal, ħarġu stqarrijiet separati li fihom ‘iċċaraw’ x’se jkun il-proġett fuq il-bejt tal-akbar knisja ta’ Malta, li f’dawn l-aħħar snin inbidlet minn tempju mudlam bis-saqaf iqattar mal-ewwel bexxa xita u biċċiet kbar tal-ġebel jaqgħu għal ġot-triq meta jfettlilhom, għal binja mimlija pittura, induraturi dehbiena, irħamijiet, l-akbar orgni f’Malta, u lbies lussuż li l-qassisin jilbsu fiċ-ċelebrzzjonijiet, inkluż berettin f’rashom li jeħodna lura għal qabel l-aħħar konċilju.

L-aktar ħaġa faċli li wieħed seta’ jagħmel b’reazzjoni għal din l-aħbar, kienet li jmur jiġri jfittex fl-Evanelju dak il-famuż passaġġ meta Ġesù Kristu, b’rabja u frustrazzjoni kbar, beda jaqleb l-imwejjed kif ġie ġie u, insomma, għamel xenata liema bħalha. Il-passaġġ (Mt21:12) jispeċifika “l-imwejjed tas-sarrafa tal-flus” u s-siġġijiet tal-bejjiegħa tal-ħamiem. Imma dan jaf ikun dettall żgħir li jikkumpara mas-souvenirs ladarba, għallinqas safejn qalilna r-rapport tal-MaltaToday, fuq it-tempju tar-Raħal Ġdid mhux se jkunu qed ibiegħu ħamiem, la homer u lanqas tat-tiġrija. Ispirati minn dan il-passaġġ bibliku, dawn l-uħud bassru li kieku Kristu għadu magħna kien jasal wasla sal-Bażilika u jixħet kollox minn hemm fuq għal isfel, jasal wasla sal-uffiċċju parrokkjali, isib lill-kappillan u jagħtih ċamata, u, insomma, jagħmel show ieħor bħalma għamel Ġerusalemm ftit wara d-daħla trijonfali tiegħu fil-Belt Imqaddsa.

Biex inkun onest, anki jien tmeżmiżt meta qrajt l-aħbar għax għandi dat-twemmin aktarx bażwi, li l-allat huma allat u l-flus huma flus. Imma xi ħaġa widdbitni noqgħod lura milli nikkwota lil Ġesù Kristu għax, dejjem jekk kien ikkwotat sew mill-erba’ evanġeli awtorizzati mill-Knisja (fost diversi oħrajn li ma ġewx irrikonoxxuti, fosthom dak ta’ Santa Marija Madalena), Kristu huwa wieħed mill-aktar intellettwali, poeti, profeti — sejjaħlu li trid — kuntradittorji li qatt ispira d-diskors. Pereżempju, filwaqt li għamel dix-xenata fit-tempju, ma tmeżmeż xejn meta Marija oħt Lazzru u Marta marret tidliklu saqajh b’żejt jiswa l-belli ewro, bi prezz aktarx kumparabbli ma’ xi flixkun J’adore L’or Prestige ta’ Dior (Ġw 12:3); jew meta waħda mara oħra, b’żejt simili, marret u quddiem folla nies u dilkitlu rasu (Mt 26:7). Anzi, meta xi ħadd minn ta’ madwaru fettillu josserva li b’dak iż-żejt imferra’ fuq saqajh u rasu, setgħu jiġu mitmugħa ħafna foqra u mġewħin, Kristu tgħidx x’ċanfira tahom. Il-punt hu li b’persunaġġ li tul ħajtu xeħet lil ta’ madwaru numru ta’ messaġġi kontradittorji, diffiċli tagħżel passaġġ mill-istorja tiegħu biex tagħmel punt għax dlonk se ssib ieħor li jisfidalek kliemek.

Imma, kif għedt, anki jien tmeżmiżt għax forsi jien naive biżżejjed, minkejja kemm żort pajjiżi u tempji ta’ reliġjonijiet differenti, li għadni nemmen li l-lok tal-qima għandu jitbiegħed kemm jista’ jkun mill-ġid tad-dinja, ġaladarba kull reliġjon imbierka tgħaddi l-messaġġ favur il-faqar, tappella lill-fidili biex jitbiegħdu mill-gosti tal-ġisem u l-materjaliżmu, u twemminhom fil-ġid ferm akbar tal-ħajja li jmiss jew tħeġġiġhom joqogħdu lura biex fl-esperjenza segwenti f’din id-dinja, ikollhom għejxien aħjar.

Għandi suspett, mhu xejn aktar minn suspett ħa nagħmilha ċara, li fost dawk li ħassewhom skomdi ħafna u tkażaw b’din l-aħbar, hemm min l-aħħar darba li mar Ruma mar fil-kju biex jitla’ telgħa sal-bejt ta’ San Pietru. Ngħiduha kif inhi, tara Ruma taħtek, madonna! se titlef okkażjoni bħal dik? U dawn kellhom iħallsu €8 biex jitilgħu ma nafx kemm-il mitt tarġa. Imbagħad għal €2 oħra tgħid ma għażlux li jitilgħu bil-lift biex jiskansaw it-turġien? U ejja! dawn it-two euros x’inhuma! Anzi, meta tqis kemm hi għolja Ruma €10 chicken feed. U jekk jaqbdek pipì se żżommha sa meta tasal isfel jekk ikkurdawlek loki hemm fuq? U my goodness, tkun hemm fuq ma tiħux kapuċċino u xi cornetto biċ-ċikkulata ħa jsostnik għan-niżla lura? Imbagħad, tkun fuq il-bejt ta’ San Pietru m’intix se tixtri souvenir ħalli żżommu tifkira ta’ dik it-tilja taraġ li kilt? Xi kuruna mbierka mill-Papa, ngħidu aħna. U liz-zija Timotja ma nordnawlhiex xi Barka Papali, b’isimha mniżżel, stampata propju fil-Vatikan? Imma insomma … dawn ħwejjeġ li drajniehom.

Propju għax jien naive u għadni nemmen li t-tempju huwa post tal-qima, la jien lest nitla’ fuq il-bejt ta’ Kristu Re, imma lanqas m’jien se nkun Ruma u nitla’ fuq il-bejt ta’ San Pietru. U jekk nerġa’ nkun f’pajjiż fejn ir-reliġjon dominanti hija dik Ortodossa, m’jiniex se nkun lest inħallas biex nidħol fit-tempju għax jien m’iniex Ortodoss waqt li l-Ortodossi jidħlu b’xejn. U jekk nerġa’ nkun iċ-Ċina u jeħduni f’xi tempju Buddista alla biss fejn kont, m’iniex se nagħti lill-patri jrewwaħ l-inċens, xi karta tal-flus biex ruħi ma nafx liema grazzja se taqla’ u mingħand min. Tifhmuh il-punt nispera.

U biex nagħlqu, ħalli nirrakkontaw oħra sabiħa li tirrigwarda lil Kristu u l-flus:

Reġgħu daħlu Kafarnahum, u resqu fuq Pietru dawk li jiġbru t-taxxa għat-tempju, u qalulu: “L-imgħallem tagħkom ma jħallashiex it-taxxa?” “Iva!” qalilhom. Meta daħal id-dar, Ġesù, bla ma ħallieh jitkellem, staqsieh: “Int x’jidhirlek, Xmun? Is-slaten tal-art mingħand min jiġbruha t-taxxa jew il-ħaraġ, mingħand is-sudditi jew mingħand il-barranin?” “Mingħand il-barranin,” wieġbu Pietru. U Ġesù qallu: “Mela s-sudditi meħlusa minnha. Iżda, biex ma tkun ta’ ebda skandlu għalihom, asal wasla sal-baħar, ixħet ix-xlief u, l-ewwel ħuta li ttalla’, aqbadha, iftħilha ħalqha, u għandek issib stater; ħudu minn hemm u mur agħtih lilhom għalija u għalik.” (Mt 17:24-27)

Ħasra li qatt ma tgħallimt nistad għall-vopi.

1 thoughts on “IR-RISTORANT

  1. Artiklu nteressanti bhal dejjem.

    Ili noqgħod Ruma għal dawn l-ahhar għoxrin sena u qatt ma ndenjajt ruħi nitla fuq il-koppla. Fejn narha ħafna queue nahrab.

Leave a comment